ONE.COM.MT • Tliet aċċidenti, tliet fatalitajiet.
Hekk ġiet deskritta l-ġurnata tat-Tlieta hekk kif tliet każi sfortunati f’perjodu ta’ tnax-il siegħa ħallew tliet persuni mejta, li lanqas kellhom ċans li jieħdu l-kura fl-Isptar Mater Dei minħabba li mietu fuq il-post.
Fl-aħħar każ, li seħħ tard ilbieraħ filgħaxija, Kolumbjana ta’ 33 sena tilfet ħajjitha. Hi kienet riekba fuq mutur misjuq minn Kolumbjana oħra meta baqgħu deħlin f’arblu fil-ġenb tat-triq.
KITBA: SHANAYA FARRUGIA
FILMAT: ARKIVJI
Cristi Robles, Kolumbjana ta’ 33 sena, tilfet ħajjitha traġikament fir-Rabat wara aċċident tat-traffiku b’mutur, li kienet passiġġiera fuqu. Il-każ, li seħħ tard it-Tlieta filgħaxija u nvolva Kolumbjana oħra, kien it-tielet aċċident fatali tal-ġurnata fit-toroq ta’ pajjiżna.
Il-jum tas-27 ta’ Awwissu se jibqa’ kkaratterizzat minn tliet aċċidenti, li ħallew tliet persuni mejta fuq il-post. Dan wara li filgħodu raġel lndjan tilef ħajtu f’ħabta frontali ma’ trakk tal-kostruzzjoni f’Ħaż-Żebbuġ u ftit sigħat wara anzjana tilfet ħajjitha wara li ntlaqtet minn vann li kien qiegħed jirriversja f’Ħal Qormi u spiċċat taħt ir-roti tiegħu.
Sadanittant it-tielet aċċident fatali seħħ tard l-Erbgħa filgħaxija għall-ħabta tal-ħdax neqsin kwart, waqt li n-nisa kienu għaddejjin fi Triq it-Tabija.
Malli l-Pulizija ġiet informata bl-inċident, minnufih marret fuq il-post, fejn sabet mutur Honda mal-art u żewġ tfajliet bi ġrieħi serji fit-triq.
Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li s-sewwieq tal-mutur, mara ta’ 31 sena mill-Kolumbja u residenti Wied il-Għajn, tilfet il-kontroll u ħabtet f’arblu mal-ġenb tat-triq.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku biex jassisti, fejn ambulanza ħadet lis-sewwieqa l-Isptar Mater Dei għall-kura, filwaqt li l-passiġġiera ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post. Iżjed tard, is-sewwieqa wkoll ġiet iċċertifikata fil-periklu tal-mewt u ddaħħlet fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Mal-ħin jirriżulta li l-qagħda tagħha qalbet għall-aħjar, għalkemm baqgħet taħt osservazzjoni fl-ITU.
Minn tagħrif li għandu ONE News, jirriżulta li ż-żewġ nisa kienu taħt l-effett tal-alkoħol u lanqas kienu lebsin crash helmet. Minbarra hekk, ftit minuti qabel l-aċċident fatali, in-nisa kienu diġà waqgħu bil-mutur qrib is-Serkin fir-Rabat stess.
Huma ngħataw l-għajnuna minn persuni li kienu fuq il-post dak il-ħin, iżda minflok ċemplu għall-għajnuna ddeċidew li jkomplu jsuqu anke b’veloċità qawwija sakemm seħħet it-traġedja.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Ispettur Francesco Mizzi, waqt li l-espert forensiku Mario Scerri, l-espert tat-traffiku Mario Buttigieg u l-Perit Richard Aquilina tqabbdu bħala parti mill-inkjesta mill-Maġistrat Joe Mifsud, li wkoll qed imexxi l-inkjesta fuq iż-żewġ fatalitajiet l-oħrajn tal-istess jum.
Ещё видео!